It-Tmien Edizzjoni se ssir nhar it-Tlieta 2 ta’ Ġunju

It-Tmien Edizzjoni tal-Malta Football Awards se tittella' nhar it-Tlieta 2 ta' Ġunju 2009, gewwa l-lukanda Grand Hotel Excelsior, Floriana. Il-Malta Football Awards din is-sena se jkunu msieħba ma' għadd ta' sponsors ġodda u oħrajn diġa' stabbiliti u assoċjati ma' dan l-avveniment li issa daħal fil-kalendarju tal-football lokali. Għar-raba' sena konsekuttiva dawn l-Awards qed ikunu appoġġjati mill-kumpanija Melita u għalhekk l-edizzjoni ta' din is-sena qed tingħata l-isem ta' Melita Malta Football Awards.

F' konferenza stampa indirizzata minn Sandro Micallef, Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv tal-Melita Malta Football Awards tħabbar li l-maġġoranza tal-Awards sinonimi se jerġgħu jkunu kontestati, izda, bħal kif isir kull sena qegħdin jitniehdu Awards u novitajiet ġodda sabiex tibqa' tinżamm it-tradizzjoni li f'kull edizzjoni jingħata Award ġdid. Fil-fatt Events Services, il-kumpanija li torganizza dawn l-Awards din is-sena ħasbu biex iniehdu Award iehor dak tal-Aqwa Player tat-Tielet Diviżjoni tal-MFA flimkien mal-Award għall-Player Favorit Skont il-Pubbliku. Hekk kif spjegat Catherine Xuereb, il-Production Manager ta' dawn l-Awards, din is-sena l-pubbliku jista' jivvota għall-iktar player favorit permezz tan-numru tal-SMS 5061 4914. Kull min jipparteż-;ipa jista' jirbaħ diversi rigali abbonati ma' din il-votazzjoni permezz tal-SMS fosthom żewġ vjaġġi għal destinazzjoni fl-Ewropa, akkomodazzjoni u passaġġi inklużi grazzi għal Hamilton Travel.

Il-Konferenza Stampa kienet indirizzata wkoll mill-Onorevoli Clyde Puli Segretarju Parlamentari Żgħażagħ u Sport. Puli qal li l-fatt li l-Malta Football Awards din is-sena daħlu fit-tmien edizzjoni tagħhom jikkonferma kemm sena wara sena dawn l-Awards kibru fil-popolarità u mingħajr dubju dan hu mertu ta' l-organizzaturi u ta' dawk l-entitajiet li dejjem emmnu f'din l-inizjattiva. Hu kompla jgħid li llum il-Malta Football Awards saru parti mill-kalendarju sportiv Malti u dan grazzi ghad-diretturi tal-kumpanija Events Services li emmnu f'dan il-proġett. Is-Segretarju Parlamentari rringrazzja wkoll lill-Kunsill Malti ghall-Isport, lill-Malta Football Association, u lill-kumpanija Melita tal-appoġġ kontinwu u essenzjali tagħhom biex tinżamm din l-attività.

Malcolm Briffa, Kap tal-Marketing ta' Melita qal li huwa ta' sodisfazzjon kbir għal Melita li għal darb'oħra qed terġa' tissapportja u xxandar esklussivament edizzjoni oħra tal-Melita Malta Football Awards, live fuq Melita Sports. Huwa stqarr li l-awards huma opportunita' għall-kommunita Maltija tal-futbol biex flimkien niċċelebraw is-suċċess ta' persuni li matul l-istaġun, ikunu wrew eċċellenza u talent fil-futbol. Briffa tenna li Melita hija impenjata bis-sħiħ biex tkompli twassal xandiriet live u esklussivi ta' avvenimenti sportivi lokali, bħall-Melita Malta Football Awards u l-BOV Premier League.

L-Awards kollha li se jingħataw fit-Tmien Edizzjoni tal-Melita Malta Football Awards huma:

1. L-Aqwa Goalkeeper
2. L-Aqwa Difensur
3. L-Aqwa Midfielder
4. L-Aqwa Attakkant
5. L-Iktar Żagħżugħ Promettenti
6. L-Aqwa Coach
7. L-Aqwa Player Barrani
8. L-Aqwa Player Malti
9. L-Isbaħ Goal tal-Istaġun
10. L-Aqwa Player Kampjonat Femminili
11. L-Aqwa Player Futsal 1st Div
12. L-Aqwa Player Kampjonat Melita 1st Div
13. L-Aqwa Player tal-Ewwel Diviżjoni
14. L-Aqwa Player tat-Tieni Diviżjoni
15. L-Aqwa Player tat-Tielet Diviżjoni
16. L-Aqwa Player Veteran 'il fuq minn 35 sena
17. Award/s għall-Karriera
18. Award għall-Player Favorit Skont il-Pubbliku

Catherine Xuereb, Production Manager tal-Melita Malta Football Awards tenniet ukoll li bhas-snin preċedenti l-persuni li huma ntitolati li jivvutaw għal dawn l-Awards prestiġġjużi huma nies li huma nvoluti fil-logħba tal-football lokali . Għal din is-sena reġgħu kienu mistiedna jivvutaw l-għaxar Presidenti tal-Clubs tal-Premier, l-għaxar Coaches u l-għaxar Captains kollha tal-Premier. Ma' dawn intitolati wkoll li jivvutaw hemm 'il fuq minn 45 ħurnalist iehor li segwew b'mod regolari l-andament tal-Kampjonat BOV Premier 2008/09. Ovvjament dawn ġew mitluba jivvutaw għall-Awards tradizzjonali. Dan għaliex għall-Awards tal-Aqwa Player tal-Futsal, Nisa, l-Ewwel Diviżjoni, it-Tieni Diviżjoni, it-Tielet Diviżjoni u GFA Melita l-Ewwel Diviżjoni ivvutaw għalihom l-uffiżjali, captains u coaches tat-timijiet kkoncernati. Il-ġurnalisti li jsegwu dawn il-kampjonati wkoll ingħataw vot.

Fi tmiem il-Konferenza Stampa Alan Cutajar direttur tal-kumpanija Events Services u Organizattur ukoll ta' dawn l-Awards irringrazzja lill-media kollha li dejjem tagħti appoġġ fir-rappurtaġġ ta' dawn l-Awards u lill-isponsors li qed jagħtu l-kontribut tagħhom fl-edizzjoni ta' din is-sena fosthom: Melita, Grand Hotel Excelsior, General Soft Drinks, Firetech, Camilleri Wines Malta, MFCC, Bank of Valletta, Kunsill Malti ghall-Isport, ETC, Hamilton Travel, Sports Experience, John Garage, XFM, Aristocrat u www.maltafootball.com.

Finalment ġie spjegat li għat-tmien sena konsekuttiva s-serata se tkun fuq bażi Gala fejn il-finalisti u dawk kollha b' xi mod relatati mal-football lokali se jkunu mistiedna jattendu għal din is-serata sabiex jgħixu flimkien l-emozzjoni tal-mument meta jitħabbar l-isem tar-rebbieħ/a. Is-serata se tkun trasmessa b' mod dirett fuq it-televiżjoni lokali. It-trasmissjoni se tixxandar fuq Melita Sports 702 kif ukoll fuq l-Information Channel, liema Channel se jkun miftuħ għal kull min hu klijent ma' Melita anke dawk li għandhom biss is-servizz tar-Reception. Iktar 'il quddiem, it-trasmissjoni se tixxandar ukoll bħala ripetizzjoni fuq Favourite Channel. Is-Serata se tkun ippreżentata miż-żewġ ġurnalisti sportivi Catherine Xuereb u Clinton Buhagiar, preżentaturi tal-programmi sportivi Kontrattakk u L-Argument rispettivament, fejn tul is-serata jistiednu diversi personalitajiet sabiex iħabbru r-rebbieħ/a ta' kull kategorija.

Mhumiex se jinħarġu biljetti għall-bejgħ għal din is-serata. Dawk kollha preżenti se jkunu specifikament mistiedna permezz ta' invit mill-Kumitat Organizzattiv li jrid ikun ippreżentat fl-entratura.

Intant iktar informazzjoni, statistika ta' rebbieħa tal-edizzjonijiet preċedenti u ritratti ta' rebbieċa tal-ewwel seba' edizzjonijiet tista' tinkiseb minn fuq il-link tal-internet www.maltafootball.com/awards u www.eventsservices.tv